Nistgħu nittrattaw il-kriżi b'suċċess biss jekk ilkoll kemm aħna nkunu abbord 

 

Hu u tindirizza sala mimlija fil-Parlament Ewropew fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet: "Il-futur tal-Ewropa huwa mimli possibbiltà bla rażan li rridu naħtfu. Nistgħu kemm insalvaw il-pjaneta tagħna kif ukoll nipproteġu l-impjiegi u d-dinja ta' madwarna. L-Ewropa trid u għandha tkompli tmexxi bl-eżempju." Il-Konferenza 'Lil hinn mit-Tkabbir' ġiet organizzata fuq inizjattiva tal-Ko-President tal-Grupp tal-Ħodor/EFA Philippe Lamberts.

Grazzi għażiż Philippe,
Sinjura President tal-Kummissjoni Ewropea, għażiża Ursula,
Għeżież ħbieb,

Nixtieq nilqagħkom ilkoll hawnhekk fil-Parlament Ewropew, id-dar tad-demokrazija Ewropea tagħna.

Dan kien wieħed mill-ewwel avvenimenti li wegħedt li ninvolvi ruħi fih hekk kif ġejt eletta President ta’ din il-Kamra. Philippe, inti minn dejjem kont persuna li taħseb fil-futur u dejjem fhimt li r-responsabbiltà tagħna bħala politiċi tmur lil hinn mill-perspettiva għal żmien qasir tal-mandati tagħna. Għalhekk din il-konferenza llum hija xierqa daqs kemm hija importanti.

Id-dinja tagħna qed tinbidel malajr ħafna. Bħalissa qed nindirizzaw l-effetti ta’ pandemija globali, gwerra fil-kontinent tagħna, kriżi tal-enerġija, inflazzjoni – kollha fil-kuntest ta’ kriżi klimatika.

Dawn il-kriżijiet huma eżistenzjali: għall-Ewropa u għad-dinja tagħna.

L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja enfasizzat id-dgħufijiet tas-sistemi tal-enerġija tagħna u tal-istrateġija tas-sigurtà tagħna.  Saħħet il-ħtieġa li niddiversifikaw il-provvista tal-enerġija tagħna. Li ndawru l-attenzjoni tagħna lejn sorsi rinnovabbli u sorsi sostenibbli ta’ enerġija. Li nikkooperaw aktar fil-kwistjonijiet li huma fundamentali għall-Ewropa tagħna.

Il-ġrajjiet ġeopolitiċi reċenti u l-konsegwenzi tagħhom naqqsu ċ-ċertezzi tagħna. Iżda wrewna wkoll il-forza ta’ għaqda mingħajr preċedent. Meta jkun hemm bżonn, l-Unjoni Ewropea tista’ twettaq kwantità enormi ta’ tibdil fi żmien qasir.

Dan l-aħħar biddilna f’liġi l-ambizzjoni tal-patt ekoloġiku biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050. Qed niżguraw li l-Ewropa tagħmel il-progress meħtieġ biex tkun l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja. Dan ma jfissirx li t-tranżizzjoni ekoloġika ssir biss inkwantu għan fiha nnifisha. Irridu niżguraw it-tkabbir, l-impjiegi u s-sigurtà kif ukoll li l-kontinent tagħna jkun f’pożizzjoni soda li mbagħad tintiret mill-ġenerazzjoni li jmiss. Proprju din hija s-sostenibbiltà.

Hija t-tkabbir li rridu nwettqu kemm għaċ-ċittadini tagħna, illum, kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Hekk kif id-dinja tinbidel malajr, irridu ninbidlu magħha. Aħna li nfasslu l-politika rridu nadattaw l-istrateġiji tagħna u naraw li l-qafas regolatorju jkun wieħed xieraq għal tibdil li jseħħ malajr ħafna.

Jeħtiġilna nwettqu riformi li jittrattaw dawn il-kwistjonijiet, li jippermettulna nippreżentaw l-ekonomija u l-ambjent bħala l-istess naħa tal-istess midalja. Huma marbuta b’mod inseparabbli mas-sigurtà tal-Unjoni tagħna.

L-isfida issa hija li niżguraw li s-sistema tgħin kif suppost lil kulħadd u li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

Dan ifisser li jeħtieġ li nkellmu liċ-ċittadini kollha tagħna. Dan ifisser li meta xi ħadd ikun inkwetat dwar jekk jistax iħallas il-kontijiet tiegħu jew jekk jistax iżomm xogħlu, ikollna t-tweġibiet għal dan kemm f’termini ta’ ambizzjoni kif ukoll f’termini ta’ fehim.

Wara l-kriżi ekonomika ta’ ftit snin ilu, rajna dejjem aktar nies jitbiegħdu mill-Ewropa. Dan ma jistax jerġa’ jiġri f’dinja li saret aktar imprevedibbli u aktar perikoluża.
Irridu noqogħdu attenti li ma narmux it-tagħlimiet ibsin kollha li ħadna dwar il-politiki ekonomiċi u fiskali Ewropej. Jeħtieġ li nippromwovu l-kunċett ta’ “Ewropa Aħjar” li jimxi id f’id mal-ħtieġa ta’ “Aktar Ewropa”.

Akkost li nirrepeti ruħi: il-fondi għandhom limitu, id-dejn irid jitħallas lura u l-uniku mod kif nistgħu nagħmlu dan huwa jekk inkunu kapaċi nkabbru l-ekonomiji tagħna b’mod sostenibbli.

U l-leġiżlazzjoni li noħolqu u nivvutaw hawnhekk tirrigwarda l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, setturi ġodda, u industriji ġodda, li jagħtuna vantaġġ kompetittiv. Nistgħu nsalvaw il-pjaneta tagħna kif ukoll nipproteġu l-kapaċità tagħna li naqilgħu x’nieklu u nappoġġaw id-dinja ta’ madwarna.

Ftit ġimgħat ilu biss, adottajna – b’maġġoranza qawwija – il-Fond Soċjali għall-Klima. Nafu li meta nħarsu lejn is-soċjetajiet tagħna u l-pressjoni li qed iħossu, jeħtieġ li niksbu riżultati bis-saħħa ta’ fondi li jindirizzaw u jtaffu l-impatt li l-familji, l-impriżi u ċ-ċittadini tagħna, kif ukoll dawk li jħossuhom emarġinati, jistennew mingħandna.

Dan ifisser li t-triq li għandna quddiemna hija twila u li, fil-ġlieda tagħna kontra din il-kriżi, nistgħu nirnexxu biss jekk inkunu magħqudin. Dan ifisser li rridu niġbdu ħabel wieħed. Nappella biex kollha kemm intom tkunu miftuħa, sinċieri, tiddiskutu ma’ xulxin, biex tingħaqdu u tidentifikaw soluzzjonijiet li rridu nippreżentaw lin-nies meta nkunu qed nikkonvinċuhom biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla.

Il-futur tal-Ewropa huwa mimli opportunitajiet mingħajr limiti li jeħtiġilna naħtfu.

L-Ewropa jeħtiġilha, u għandha tkompli tkun eżempju.

Grazzi.